International Translation Agency Ltd.  
A Member of the American Translators Association
Fi kliem iehor…
Print Bookmark       English | Français | Malti | Deutsch | عربي

Id-Dipartiment ta' Traduzzjoni Bil-Malti

English English version

Ħaġa ta’ l-iskantament, imma sa xi sentejn jew tliet snin ilu, rarament konna nintalbu naqilbu xi ħaġa għall-Malti. L-affarijiet inbidlu meta Malta bdiet tħejji ruħha bis-serjetà biex fl-1 ta’ Mejju 2004 issir membru sħiħ ta’ l-Unjoni Ewropea. Fejn qabel konna nittraduċu xi ċertifikat taż-żwieġ jew tat-twelid ‘l hemm u ‘l hawn jew xi kuntratt, bil-mod il-mod, bdew jaslulna talbiet għal dan is-servizz minn kullimkien. Qatt ma konna stennejna żvilupp bħal dan u biex inlaħħqu mad-domanda kellna nwaqqfu dipartiment separat biex jieħu ħsieb dan ix-xogħol u hekk kien li nfetaħ id-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-kumpanija tagħna.

Faċli tobsor li l-ewwel diffikultà li kellna nħabbtu wiċċna magħha kien in-nuqqas ta’ nies imħarrġa biex jagħmlu dan ix-xogħol b’mod professjonali, dan minħabba l-fatt li f’Malta, sa issa, qatt ma kellna tradizzjoni qawwija ta’ traduzzjoni mhux ta’ ġeneru letterarju. Ġejna daharna mal-ħajt u għalhekk qtajniha li noffru t-taħriġ meħtieġ aħna stess. Wara proċess twil ta’ selezzjoni, ibbażat fuq kriterji stretti, għażilna grupp ta’ nies li fit-test urew biċ-ċar li kellhom bażi soda li wieħed seta’ jibni fuqha. Dawn l-individwi attendew il-kors intensiv fil-ħiliet tat-traduzzjoni li organizzajna aħna. Permezz ta’ dan il-kors xtaqna nuru lil dawk li ħadu sehem xi ftit mid-diffikultajiet li kien se jkollhom meta jibdew jaħdmu u nuruhom kif jistgħu jduru magħhom. Barra mis-sessjonijiet fuq it-teorija tat-traduzzjoni u bosta sigħat ta’ prattika, il-kors kien jinkludi sessjonijiet, immexxija minn esperti Maltin u barranin fl-oqsma rispettivi tagħhom: l-ortografija Maltija, spjegazzjoni dettaljata fuq l-Istituzzjonijiet Ewropej u r-rwol tagħhom, l-istandards ta’ kwalità, in-natura tad-diskors legali kif ukoll seminar fuq l-użu ta’ translation memory tools.

Illum, dawn l-individwi huma impjegati ma’ l-ITA. F’Mejju ta’ din is-sena, ITA rebħet żewġ kuntratti għas-servizzi tat-traduzzjoni: kuntratt qafas ma’ l-UE li l-kumpanija tagħna rebħet waħedha u kuntratt tad-DG Enterprise għal traduzzjonijiet tekniċi bi sħab ma’ kumpanija stabbilita fi Brussel. ITA toffri ukoll is-servizzi tagħha lil bosta kumpaniji tat-traduzzjoni barra minn Malta.

Għalina l-kwalità hija sagrosanta u nagħmlu minn kollox biex niżguraw li, sa fejn hu possibbli, l-istess kriterji li nimxu fuqhom biex niżguraw il-kwalità ta’ traduzzjonijiet f’ilsna oħra, jiġu applikati għall-Malti ukoll. Kemm jista’ jkun nippruvaw inqassmu x-xogħol lit-tradutturi skond l-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom. Qabel ma traduzzjoni tgħaddi f’idejn it-traduttur, isir xogħol ta’ riċerka estensiv, kemm għal dak li għandu x’jaqsam ma’ terminoloġija kif ukoll dokumenti li jistgħu jservu ta’ riferenza. La darba t-traduzzjoni tkun lesta, tgħaddi minn taħt idejn reviżur għall-aħħar daqqa t’għajn qabel ma tintbagħat lill-klijent.

Għad ilna biss ftit tax-xhur li bdejna din il-ħidma, u għad baqa ħafna x’wieħed jista’ jagħmel u jitgħallem iżda ninsabu ċerti li din hija esperjenza imprezzabbli għalina lkoll. Aħna tassew kburin li fl-aħħar il-Malti qed jingħata l-importanza li tistħoqqlu, issa li ġie mgħolli għal-livell ta’ wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u aħna bi ħsiebna nagħmlu ħilitna kollha biex niżguraw li l-Malti jintuża kif imiss u b’hekk isir l-isbaħ simbolu ta’ art twelidna ‘l hemm minn xtutna.

Malta

Public Holidays in Malta
  • 19th March
  • 6th April
  • 1st May
  • 7th June
  • 29th June
  • 15th August
  • 21st September
  • 13th December
© 2006 - ITA